L-Uffiċċju tal-President Amerikan, il-White House, kjarifikat ir-rimarki li għamel il-President Joe Biden dwar attakki b’armi nukleari.
Dan wara li l-President Biden qal kif ir-riskju għal “Armageddon” nukleari jinsab fl-ogħla livell sa mill-kriżi Kubana tal-Missili fl-1962.
B’reazzjoni għal dan is-Segretarju għall-Istampa tal-White House irrimarka kif s’issa m’hemm l-ebda indikazzjoni li r-Russja qed tiprepara li tagħmel użi minn armi nukleari b’mod imminenti.
B’hekk ma kien hemm l-ebda bżonn li l-Istati Uniti b’xi mod ibiddlu l-istrateġiji tagħhom dwar l-armi nukleari, iżda wera kif il-President Amerikan, b’dak il-kumment irrimarka kif qiegħed jieħu bis-serjetà r-retorika tal-President Russu Vladimir Putin.
Minn naħa l-oħra, Kyiv għamel dikjarazzjonijiet simili biex jikkalma s-sitwazzjoni dwar l-użu tal-armi nukleari.
F’dan il-każ, wara li dak li qal il-President Ukren, Volodymyr Zelensky kien tradott b’mod ħażin.
Is-Segretarju għall-Istampa ta’ Zelensky irrimarka kif il-President Ukren qatt mhu se jkun dak li jmur għand in-NATO u jitlob biex din tagħmel l-ewwel attakk nukleari biex tipprevjeni milli r-Russja tagħmel l-istess.