L-Istati Uniti iwissu awtoritajiet Iranjani li d-dinja qed issegwi kif qed jaġixxu hekk kif eluf ta’ nies qed jinżlu jipprotestaw fit-toroq tal-bliet Iranjani.
Fi stqarrija, il-White House qalu li ċ-ċittadini Iranjani qegħdin jixbaw bil-korruzjoni u bl-infiq tar-reġim sabiex jiffinanzjaw gruppi terroristiċi. Sostnew li l-gvern Iranjan għandu jirrispetta d-drittijiet tan-nies li tinkludi d-dritt li jesprimu lilhom infushom. Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan ħeġġeġ lil kull nazzjon sabiex juru l-appoġġ tagħhom lejn iċ-ċittadini Iranjani u l-bżonnijiet bażiċi tagħhom.
Ċittadini Iranjani bdew jinżlu fit-toroq sabiex jipprotestaw fuq prezzijiet li bdew jogħlew u ma waqfux filwaqt li wrew ir-rabja tagħhom lejn il-President Hassan Rouhani.
Il-Viċi-President tal-pajjiż, Eshaq Jahangiri, jemmen li l-avversarji tal-gvern huma l-moħħ wara dawn il-protesti.