Uffiċjali tas-Saħħa tal-Istati Uniti, minkejja ż-żieda fil-każijiet, naqqsu bin-nofs iż-żmien ta’ iżolament għal persuni li m’għandhomx sintomi ta’ Covid-19.
B’hekk issa minn għaxart ijiem, issa ż-żmien ta’ iżolament niżel għall-ħamest ijiem.
Iċ-Ċentru għall-kontroll tal-Mard, is-CDC, qalet li dan il-perjodu ta’ iżolament għandu jiġi segwit minn ħamest ijiem ta’ ilbies tal-maskra.
Is-CDC qalet li ħafna drabi t-trasmiżżjoni ssir jumejn qabel u tlett ijiem wara li joħorġu s-sintomi.
Il-miżura mistennija tagħti nifs u daqqa t’id lill-isptarijiet Amerikani li bħalissa huma milquta minn nuqqas ta’ ħaddiema minħabba l-infezzjonijiet.
Huwa mifhum li ż-żieda qawwija fil-każijiet huma kawża tal-varjant Omicron li studji qegħdin juru li jiġi trażmess aktar malajr imma mhux daqshekk sever.
Minkejja dan, iż-żieda fil-każijiet ħoloq pressjoni fuq diversi industriji fl-Amerka fosthom is-settur tal-ivvjaġġar li ra ħafna titjiriet jitħassru fi żmien il-Milied.