L-istati Uniti rnexxilhom jisparaw il-bużżieqa li ilha ddur fl-ajru għal dawn l-aħħar ftit jiem u bdiet tiġi investigata mill-ogħla awtoritajiet Amerikani, minħabba suspett li huwa eżerċizzju ta’ spjunaġġ miċ-Ċina.
Id-Dipartiment tad-Difiża kkonferma li waqqgħu din il-bużżieqa fil-baħar.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina esprima d-dieqa tiegħu u protesta kontra l-użu tal-forza tal-Istati Uniti biex jattakkaw ajruplani ċivili mingħajr ekwipaġġ.
Uffiċjali Amerikani qalu li din mhix l-ewwel darba li ntuża oġġett li jixbaħ lil bużżieqa għall-fini ta’ spjunaġġ, minħabba li l-materjal li minnu hi magħmula huwa irħis, faċli biex ikun ikkontrollat, u ma jħallix traċċi. Metodu bħal dan imur lura għall-gwerra l-bierda.
Uffiċjali Amerikani qalu li aġixxew biex jiżguraw li l-bużżieqa ma tiġbor l-ebda informazzjoni sensittiva.