Wara ħafna antiċipazzjoni, fl-aħħar sigħat is-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken ikkonferma li ġie mibgħut pakkett sinifikanti ġdid ta’ għajnuna militari lil Ukrajna li jlaħħaq is-somma ta’ 725 miljun Dollaru.
Fost l-oħrajn din il-provista ġdida lejn l-Ukrajna tinkludi missili Stinger, munizzjon għal kontra d-drones, munizzjon għas-sistemi ta’ artillerija Himars, munizzjon ta’ artillerija 155mm u 105mm u sistemi ta’ kontra t-tankijiet Javelin u AT-4
Sadanittant, attakk bi drones Russi fuq il-belt ta’ Ternopil l-Ukrajna matul il-lejl li għadda, għamel ħsara lill-infrastruttura tal-enerġija tal-belt.
Is-Sindku tal-belt Serhiy Nadal qal li parti mill-belt spiċċat bla enerġija wara li d-drone Russu laqat impjant mhux speċifikat. Ħaddiema tas-salvataġġ marru fuq il-lok iżda ma ġewx irrappurtati fatalitajiet.
U l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Sergei Lavrov, waqt li kien f’laqgħa mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ungeriż Peter Szijjarto f’Moska, qal li m’għandhom l-ebda ħsieb jaċċettaw ftehim ta’ waqfien mill-ġlied mal-Ukrajna sabiex jippermetti lill-alleati tal-Punent jipprovdu lil Ukrajna b’armi avvanzati ġodda.