Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio qal lill-ġurnalisti li din il-ġimgħa se tkun waħda kritika għall-Istati Uniti biex tiddeċiedi jekk hux se tibqa’ tinvolvi ruħha fit-taħditiet ta’ paċi bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Huwa qal ukoll li l-President Donald Trump kien għadu ma imponiex tariffi ġodda fuq ir-Russja għax kien għadu qed jittama li d-diplomazija kienet se ġġib fi tmiemha din il-gwerra.
Nhar is-Sibt, qabel il-funeral ta’ Papa Franġisku, il-President Amerikan kellu laqgħa qasira mal-mexxej Ukren Volodymyr Zelensky fil-Vatikan. Ilbieraħ Trump, waqt li kien qed jaġġorna l-ġurnalisti, qal li kien jemmen li Zelensky kien lest li jċedi l-Krimea lir-Russja bħala parti mill-ftehim ta’ paċi minkejja li s’issa l-Ukrajna dejjem irrifjutat tali proposta.
Ftit wara l-laqgħa fil-Vatikan, li kienet deskritta mill-White House bħala waħda pożittiva, Trump irrikorra għal fuq is-sit tiegħu ‘Truth Social” fejn kiteb “Qed naħseb li l-President Russu mhux veru jrid li jtemm din il-gwerra, iżda qed jaġevolani u għalhekk għandi nittrattah differenti b’sanzjonijiet bankarji jew sekondarji? Qed imutu wisq nies!!!”
La Zelensky u lanqas Putin għadhom ma rrispondew pubblikament dwar din l-aħħar dikjarazzjoni ta’ Trump.