L-Istati Uniti qatt mhu ħa tirrikonoxxi l-attentat Russu biex territorju Ukren isir parti mir-Russja.
Dan sostnieh il-President Amerikan Joe Biden mumenti qabel diskors li għamel il-President Russu Vladimir Putin.
Filfatt il-Kremlin qal li t-territorji ta’ Luhansk, Donetsk, Zaporizhzhia u Kherson ivvutaw favur li jingħaqdu mar-Russja f’referendums riċenti.
Iżda l-Ukrajna u l-Punent qalu li dan il-vot huwa wieħed falz.
Il-Ħamis, il-President Russu ffirma żewġ dikjarazzjonijiet fejn irrikonoxxa tnejn minn dawn l-erba’ territorji bħala indipendenti biex b’hekk witta t-triq biex dawn isiru parti mir-Russja.
Konsegwenza ta’ din id-dikjarazzjoni l-Istati Uniti mistennija timponi sanzjonijiet ġodda.