L-Aġenzija Kulturali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza, u l-Kultura – l-UNESCO – ħabbret l-Istati Uniti tal-Amerka qed jippjanaw li jerġgħu jissieħbu fiha mix-xahar id-dieħel.
Minkejja li l-Istati Uniti kienu wieħed mill-membri li kienu waqqfu l-UNESCO fl-1945, huma kienu temmew il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom lill-organizzazzjoni wara li l-Palestina saret Stat membru fl-2011.
FL-2018 l-Istati Uniti ħarġu mill-istess organizzazzjoni flimkien ma’ Israel wara li l-President Amerikan ta’ dak iż-żmien, Donald Trump, saħaq li l-organizzazzjoni kellha aġenda kontra Iżrael.
Fl-aħħar snini, Id-Direttur Ġenerali tal-UNESCO , Audrey Azoulay, għamlet id-dħul lura tal-Istati Uniti bħala prijorità prinċipali tal-mandat tagħha u r-rappreżentanti Amerikani rrikonoxxew il-progress li sar.
Numru ta’ ambaxxaturi laqgħu l-aħbar tad-dħul mill-ġdid tal-Istati Uniti b’mod pożittiv. Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Anthony Blinken, qal li din l-azzjoni hija waħda kruċjali, speċjalment fid-dawl tal-espansjoni taċ-Ċina f’industriji bħal dik tal-Intelliġenza Artifiċjali.
Issa jonqos biss li l-pjan tad-dħul mill-ġdid jiġi sottomess fil-konferenza Ġenerali tal-Istati membri tal-UNESCO għall-approvazzjoni.
Kitba: Miguel Abela