Wara 17-il ġurnata ta’ avvenimenti sportivi mimlija emozzjonijiet, waslet fi tmiemha edizzjoni bla preċedent tal-Olimpjadi, li se tibqa’ mnaqqxa fil-memorja bħala l-edizzjoni tal-pandemija li saret bla spettaturi minħabba l-COVID-19.
Għat-tielet edizzjoni konsekuttiva, l-Istati Uniti rebħu l-aktar medalji hekk kif ħadu lura magħhom mija u tlettax-il medalja u saħansitra anke rebħu l-ikbar numru ta’ medalji tad-deheb b’disgħa u tletin midalja.
Din is-sena, Malta kienet rappreżentata minn sitt ambaxxaturi sportivi: Matthew Abela, Eleanor Bezzina, Andrew Chetcuti, Sasha Gatt, Carla Scicluna u Yazmin Zammit Stevens, li kkompetu f’diversi dixxiplini sportivi, fosthom tal-isparar, l-għawm u l-badminton.
Fost id-diversi xeni li ddominaw l-Olimpjadi ta’ din is-sena, spikkaw l-irtirar tal-atleta Amerikana Simone Biles, u l-ksur tar-rekord Ewropea tal-ġirja tal-mitt metru, liema avveniment intrebaħ mill-atleta Taljan, Lamont Marcell Jacobs.
Spikka wkoll mument ħelu bejn Atleta Taljan u ieħor mill-Qatar, li ddeċiedew li jaqsmu l-midalja tad-deheb flimkien, minflok jikkontestaw dan l-unur.
Wara l-ispettaklu tal-għeluq ta’ dawn l-Olimpjadi, l-atleti kollha nġabru flimkien sabiex jaraw il-fjamma tal-Olimpjadi tintefa, sakemm din terġa’ tinxtegħel tliet snin oħra f’Pariġi.