L-Istati Uniti ċaħdu t-talba tar-Russja li tipprojbixxi lill-Ukrajna min-NATO, fost twissijiet li r-Russja se tinvadi lill-pajjiż ġar tagħha.
Is-Segretarju tal-Istat, Antony Blinken wassal tweġiba formali lit-talbiet tar-Russja bil-għan li tiġi solvuta l-kriżi mal-Ukrajna.
Blinken ma ta l-ebda konċessjoni imma qal li kien qed joffri triq diplomatika ’l quddiem għar-Russja, jekk tagħżel li taċċettaha.
Ministru Russu qal li pajjiżu se jistudja sew ir-rispons ta’ Blinken, imwassal b’koordinazzjoni man-NATO.
Ir-Russja kienet ħarġet ittra bil-miktub bit-tħassib tagħha dwar l-espansjoni tal-alleanza militari man-NATO u kwistjonijiet relatati mas-sigurtà. Fost dawn kien hemm talba biex in-Nato teskludi l-possibilità li l-Ukrajna u pajjiżi oħra jingħaqdu mal-alleanza.
Fl-aħħar ġimgħat, ir-Russja kienet qed tiġbor gruppi kbar ta’ truppi mal-fruntiera mal-Ukrajna f’azzjoni li ħafna qed jinterpretawha bħala tħejjija biex tattakka. Xi ħaġa li r-Russja ċaħdet.