L-Istati Uniti xejnet il-proposta tal-President Russu Vladimir Putin li l-Ukrajna għandha titpoġġa taħt il-kontroll temporanju tal-Ġnus Magħquda.
Putin qal li dan għandu jsir sakemm jiġi elett gvern “kompetenti” filwaqt li jkomplu t-taħditiet għall-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied u paċi dejjiema li ġġib fi tmiema l-invażjoni Russa fl-Ukrajna li issa ilha aktar minn tliet snin.
Iżda, kelliem għall-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali fil-White House irrisponda billi qal li l-governanza fl-Ukrajna hija determinata mill-kostituzzjoni.
Din ma kinitx l-ewwel darba li l-mexxej Russu attakka l-gvern Ukren u l-President Volodymyr Zelensky, hekk kif jibqa’ jsostni li dan hu wieħed “illeġittimu”.
Id-dikjarazzjoni ta’ Putin, li saret ftit wara li ntemm summit ospitat mill-President Franċiż Emmanuel Macron il-Ħamis u li fih kienu diskussi pjanijiet sabiex jintbgħatu truppi l-Ukrajna fi sforz biex jintlaħaq ftehim tal paċi, ġabet reazzjoni qawwija mill-Ukrajna, bil-konsulent ta’ Zelensky Dmytro Lytvyn fuq is-sit X jgħid li “Putin għadu ma jafx ma’ min suppost jiddiskuti biex jintlaħaq ftehim ta’ paċi, forsi għandu bżonn il-pilloli biex jerġa jibda jaħdem moħħu”.
Ir-Russja baqgħu jsostnu li ma kienux se jaċċettaw truppi minn membri tan-NATO fl-Ukrajna bħala parti minn ftehim prospettiv għall-paċi.
Sadanittant huma wkoll ipproponew diversi kundizzjonijiet li jinkludu t-tneħħija tas-sanzjonijiet kontrihom bħala parti mil-ftehim propost ta’ waqfien mill-ġlied fil-Baħar l-Iswed.
Min-naħa tagħhom, l-Ukrajna akkużat lil Putin u r-Russja li qed jagħmlu talbiet impossibbli sabiex jittardjaw il-qbil ta’ ftehim ta’ paċi.