Alfred Sant wissa lill-Kungressisti Amerikani u membri parlamentari Ewropej li biex id-diżastru tal-Libja jiġi mrażżan hemm bzonn ta’ ftehim bejn l-Istati Uniti, ir-Russja u l-Unjoni Ewropea dwar x’inhuma l-interessi nazzjonali leġittimi tagħhom fiż-żona, u qbil dwar duttrina militari li tħares dawn l-interessi. Dr Sant għamel din it-twissija waqt il-laqgħa inter-parlamentari ‘Transatlantic Legislators Dialogue’ fil-Belt Valletta li saret waqt il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea.
Dr Sant ħa sehem fis-sessjoni dwar is-Sigurta` fil-Mediterran: miżuri kontra t-terroriżmu, l-immigrazzjoni, l-operazzjonijiet fuq il-baħar u l-Libja flimkien mal-Ammirall Andrea Romani, Kmandant tal-Forzi Navali tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran.
It-‘Transatlantic Legislators’ Dialogue’ (TLD) għandu l-għan li jsaħħaħ id-djalogu bejn il-leġiżlaturi federali Amerikani u Ewropej, il-Parlament Ewropew u l-Kungress Amerikan. It-TLD huwa bbażat fuq il-prinċipju li r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti jmorru lil hinn mill-politika barranija jew kwistjonijiet ta’ kummerċ. Id-djalogu jinvolvi wkoll oqsma oħra ta’ leġiżlazzjoni. Ħafna mil-leġiżlazzjoni Ewropea, kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ politika ekonomika u finanzjarja jew dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima jew libertajiet ċivili, taffettwa n-naħa l-oħra tal-Atlantiku, kemm b’mod intenzjonali u kemm mhux intenzjonali.
Fi tmiem il-laqgħa, membri tal-Parlament Ewropew u tal-Kungress tal-Istati Uniti ħarġu stqarrija konġunta dwar l-iżviluppi politiċi u ekonomiċi riċenti, is-sigurta` fil-Mediterran u l-appoġġ demokratiku f’pajjiżi terzi, fost kwistjonijiet oħra fejn affermaw il-wiegħda tagħhom li jibqgħu jsaħħu r-relazzjonijiet ta’ bejniethom.