Il-Gvern Amerikan ħabbar kriterji ġodda għaċ-ċittadini li ġejjin minn sitt pajjiżi Musulmani u li jridu jidħlu fl-Istati Uniti.
Kriterji marbuta mal-ordni eżekuttiva li biha Donald Trump ried li jwaqqaf persuni minn numru ta’ pajjiżi Musulmani milli jivjaġġaw lejn l-Istati Uniti dan minħabba t-theddida tat-terroriżmu. Il-Qorti Suprema ikkonfermat parti minn din l-ordni eżekuttiva.
Dan hekk kif din kienet ġiet imwaqqfa mill-Qrati, iżda llum il-Gvern Amerikan jista’ japplika parti minnha wara li saret bidla fil-kriterji li ġew approvati mill-Qorti Suprema.
Dawn il-kriterji jitolbu li biex persuni mill-Iran, il-Libja, is-Sirja, is-Somalja, is-Sudan u l-Jemen jidħlu fl-Istati Uniti jrid ikollhom visa, visa li tingħata biss lil dawk li jkollhom qarib tagħhom jgħix hemm.
Persuni li jridu jkunu qrib tal-individwu, per eżempju l-ġenituri. Jekk dawn il-persuni ma jkollhomx familjari jgħixu fl-Istati Uniti, jeħtieġ li jkollhom rabtiet oħra leġittimi mal-pajjiż. Rabtiet li fost oħrajn jistgħu jinkludu negozju.
Dawn il-kriterji ma jgħoddux għal dawk li diġà għandhom Visa. Dan il-każ mistenni jerġa’ jiġi evalwat għal deċiżjoni finali f’Ottubru.