Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis ħa sehem f’laqgħa virtwali li saret bejn il-Ministri tal-Ġustizzja tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea.
F’din il-laqgħa kienu diskussi l-isfidi li l-imxija tal-Coronavirus ħalliet fuq is-sistemi ġudizzjarji tal-istati membri.
F’din il-laqgħa kull stat membru spjega kif pprepera ruħu għal dawn l-isfidi. Dan anke sabiex ikun aċċertat li kull ċittadin Ewropew ma jkunx imċaħħad mid-drittijiet umani tiegħu.
Kien diskuss ukoll il-mod kif il-qrati fl-istati membri tal-Unjoni Ewropea qed iħejju ruħhom sabiex jerġgħu jibdew joperaw b’mod kemm jista’ jkun normali.
Issemmiet ukoll normattiva komuni u universali fl-istati membri fejn jirrigwardja obbligi ċivili, kif ukoll kummerċjali. Il-Ministru Edward Zammit Lewis enfasizza l-bżonn li jsir aktar xogħol tekniku u mingħajr dewmien fuq dan is-suġġett. Dan għaliex ġaladarba jintlaħaq qbil u r-regoli jidħlu fis-seħħ fl-istati membri kollha dan se jkun ta’ għajnuna għas-suq komuni u intern tal-Unjoni Ewropea.
F’din il-laqgħa ngħata wkoll redikont tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Min-naħa tiegħu l-Ministru Zammit Lewis saħaq li l-gvern Malti hu impenjat fil-proġett li Malta ingħaqdet fih f’Awwissu tal-2018.
Pajjiżna hu impenjat wkoll fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi li tkun għaddejja f’aktar minn stat membru wieħed kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.