Ir-residenti ta’ Florida jinsabu fi stat ta’ paniku hekk kif l-urugan Milton wasal biex jilħaq l-art fiż-żona ferm popolata ta’ Tampa.
Bħalissa dan l-urugan definit bħala maltempata skala 5 qed jonfoħ b’qawwa ta’ 165 mil fis-siegħa u huwa mistenni li jilħaq il-qawwa kollha tiegħu l-Erbgħa filgħaxija anqas minn ħmistax minn mindu dan l-istat kien milqut ħażin mill-urugan Helene.
Il-President Joe Biden ħeġġeġ lir-residenti sabiex iħallu djarhom f’sitwazzjoni ta’ ħajja u mewt hekk kif l-awtoritajiet jinsabu impenjati bl-akbar evakwazzjoni li qatt seħħet fl-aħħar snin.
Ħafna xelters ġew ippreparati barra miż-żona ta’ evakwazzjoni sabiex jagħtu kenn lil dawk ir-residenti li sfaw bla dar minħabba dan l-urugan. Kjus twal imlew l-istazzjonijiet tal-petrol fin-Nofsinhar ta’ Florida, b’uħud minnhom tispiċċalhom il-provista. Il-Gvernatur DeSantis qal li trakkijiet qegħdin iwasslu l-petrol fl-istazzjonijiet filwaqt li stazzjonijiet li jiċċarġjaw il-karozzi elettriċi ġew impoġġija matul it-toroq sabiex tiġi ffaċilitata l-evakwazzjoni.
Il-President Amerikan Joe Biden ħassar iż-żjara tiegħu fil-Ġermanja u Angola sabiex jissorvelja l-preparazzjonijiet għal dan l-urugan kif ukoll il-pjan ta’ rikupru mill-urugan preċedenti. L-urugan Helene, meqjus bħala l-aktar maltempata fatali minn Katrina fl-2005, laqat il-kosta tax-Xlokk Amerikana fejn ħalli ta’ lanqas 225 mejta u mijiet għadhom mitlufa.