Minn tal-inqas 38 persuna mietu fl-Eġittu wara żewġ attakki mill-Istat Iżlamiku fuq żewġ knejjes tal-Kristjani. Madwar ħdax-il persuna nqatlu fi splużjoni barra l-Knisja ta’ San Mark tal-Kopti f’Alexandria. Il-mexxej tal-Knisja tal-Kopti, Papa Tawadros II kien fil-Knisja fil-mument li seħħet din l-isplużjoni.
Madwar 25 persuna nqatlu f’attakk li sar aktar kmieni fil-Knisja ta’ San Ġorġ tal-Kopti f’Tanta.
Huwa mifhum li l-attakki saru minn bombi suwiċida barra l-Knisja. Kelliem għall-Ministeru tal-Intern fl-Eġittu, l-Ġeneral Tarek Atiya, spjega li l-attakk f’Tanta sar fejn l-altar tal-Knisja.
Bħalissa għaddejja tfittxija għal aktar splussivi, suspettati li tpoġġew fil-viċinanzi.