Eluf ta’ persuni ġew evakwati minn djarhom hekk kif ilbieraħ nirien kbar ħakmu l-istat Amerikan ta’ Colorado.
Madwar 30,000 persuna f’Louisville intalbu li joħorġu minn djarhom u jfittxu post aktar sigur.
S’issa għadhom ma ġewx irrapportati fatalitajiet, madanakollu, l-awtoritajiet mhux qed jeskludu din il-possibilità. Dan hekk kif in-nirien qed jinfirxu b’mod mgħaġġel.
Tant li r-riħ b’qawwa ta’ 170 kilometru s-siegħa qed jagħmilha aktar diffiċili biex jiġu kkontrollati n-nirien li ħakmu żona niexfa qoxqox.
Filfatt, il-Gvernatur Jared Polis iddikjara stat ta’ emerġenza.