Mauro Farrugia, il-Kap tal-Aġenzija għall-Ħarsien tal-persuni li qegħdin ifittxu Ażil, l-AWAS ta ħajr lil dawk l-immigranti li l-Ħadd filgħaxija qabżu għalih u għall-ħaddiema sħabu waqt il-protesti li seħħew fiċ-ċentru miftuħ f’Ħal Far.
Dan wara li inkwiet kbir li nqala’ fiċ-ċentru wara li wieħed mill-immigranti twaqqaf milli jidħol fiċ-ċentru għax kien fis-sakra.
Farrugia sostna li wħud mill-immigranti qabżu għall-ħaddiema tal-AWAS u tawhom l-għajnuna.
Huwa rringrazzja “lil dawk l-immigranti li pproteġew l-iktar vulnerabbli, u dawk li ma qablux mal-vjolenza u pprovaw jagħmlu li setgħu”. Sostna li l-istampa mhix sewda biss!” saħaq Farrugia.
Huwa żied l-AWAS tista’ terġa’ tibda mill-ġdid għax hija magħmula min-nies li huma determinati.
Intant matul il-jum mistennija ssir laqgħa bejn il-GWU, ir-rappreżentati tal-AWAS u l-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali biex ikunu diskussa aktar dettalji speċifiċi dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema f’din l-aġenzija fost oħrajn.