Novembru rreġstra tkabbir impressjonanti ta’ 22.4% fuq l-istess xahar is-sena li għaddiet. Din hija bla dubju l-akbar żieda f’xahar għall-elfejn u sittax , wara li qabżet it-tkabbir ta’ 19% irreġistrat f’Marzu ta’ din is- sena.
L-ajruport qal li t-tkabbir ta’ Novembru jawgura tajjeb għall-isforzi miżjudin tal-partijiet interessati prinċipali tal-industrija biex jiżguraw li l-gżejjer Maltin ikunu destinazzjoni mfittxa għall-vaganzi tul is-sena kollha. Dan it-tkabbir fil-movimenti tal-passiġġieri ġie rreġstrat b’mod parallel ma’ żieda ta’ 17% fil-movimenti tal- ajruplani u żieda ta’ 21.3% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet.
Din iż-żieda rriżultat parzjalment minn skeda mtejba għax-xitwa li nieda l-ajruport u li toffri xejn anqas minn 18-il konnessjoni ġdida għall-istaġun. L-aqwa ħames swieq tal-ajruport kollha kibru b’rati varji u laqgħu wkoll suq ġdid. Il-Belġju deher għall-ewwel darba mal-lista tal-aqwa ħames swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, wara li l-belt ta’ Brussell bdiet tgawdi minn konnettività mtejba. Spanja wkoll kompliet tikber b’pass impressjonanti. Iż-żieda ta’ 87% irreġistrata mis-suq Spanjol irriżultat mill-introduzzjoni ta’ titjira li titlaq mill-ajruport ta’ Malta għal Valencia darbtejn fil-ġimgħa, operat imtejjeb lejn Madrid u Barċellona u l-estensjoni ta’ Girona fil-perjodu tax-xitwa.
Fi stqarrija ntqal li r-riżultati ta’ Novembru jkomplu jsaħħu l-ottimiżmu tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-perjodu tax- xitwa, hekk kif l-ajruport qed jaspira li jilqa’ ħames miljun passiġġier qabel tagħlaq is-sena.