L-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa se jiftaħ nhar is-Sibt u jibqa’ għaddej sal-aħħar ta’ Jannar.
Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari qal li l-kaċċa tal-gamiema ma tistax issir tul l-istaġun kollu iżda hija limitata għax-xahar biss ta’ Settembru bi kwota nazzjonali ta’ sebat elef gammiema mingħajr kwota personali.
Bħall-istaġun ta’ qabel, il-kaċċa fl-istaġun tal-ħarifa fuq l-art se tkun tista’ ssir minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa sagħtejn wara nżul ix-xemx mit-Tnejn sas-Sibt. Fil-Ħdud u l-festi, il-kaċċa trid tieqaf fis-siegħa ta’ waranofsinhar. Fil-perjodu bejn il-15 ta’ Settembru u s-7 ta’ Ottubru, il-kaċċa trid tieqaf fis-sebgħa ta’ filgħaxija. Il-kaċċa fuq il-baħar tista’ ssir biss u b’ċerti restrizzjonijiet mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Jannar.
B’reazzjoni, Birdlife Malta talbet biex il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa li jmiss jiġi pospost għal nofs Ottubru. F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Birdlife argumentat kif b’sospensjoni tal-ftuħ tal-istaġun biss jista l-gvern juri verament li abbuż u illegalitajiet m’humiex se jiġu ttolerati.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri awgura li matul dan l-istaġun ikunu l-kaċċaturi stess li jsostnu s-sostenibbiltà ta’ dan id-delizzju. Huwa tenna l-pożizzjoni tal-Gvern li għal staġun ieħor huwa mistenni li kull kaċċatur jirrispetta l-liġi.
Qal li l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa qiegħed jinfetaħ skont il-proċeduri legali kif stipulati fil-Regolament dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi u avviżi legali rispettivi oħra.
Sostna li l-ebda azzjoni irresponsabbli mhu ser issib is-sostenn tal-gvern u l-awtoritajiet. Qal li b’kordinament bejn il-Wild Bird Regulation Unit u l-Pulizija, l-infurzar se jkompli jkun aktar kordinat u rigoruż sabiex l-obbligi u responsabbilitajiet ikunu mħarsa.