L-istaġun tal-atletika Maltija se jilħaq l-qofol tiegħu fi tmiem il-ġimgħa bil-Kamponati Nazzjonali Cavalieri Art Hotel għas-sena 2020, organizzati mill-Malta Amateur Athletics Association.
Din il-kompetizzjoni se tinkludi 34 avveniment, u se tkun ix-xenarju ta’ numru ta’ sfidi eċitanti, b’uħud mill-aqwa atleti f’pajjiżna jfittxu li jniżżlu isimhom fil-kotba tal-istorja billi jiksru rekords nazzjonali jew tal-kategoriji differenti.
Dwell eċitanti mistenni li jkun fil-5000m bejn Charlton Debono, detentur ta’ bosta rekords, u l-istilla emerġenti Dillon Cassar.
L-isprint tal-100m tibqa’ dixxiplina ewlenija f’kull avveniment tal-atletika b’Luke Bezzina u Jacob El Aida Chaffey it-tnejn jirreġistraw l-aqwa ħinijiet dan l-istaġun fuq din id-distanza. Fost in-nisa Claire Azzopardi u Carla Scicluna qed ifittxu li jinżlu għall-ewwel darba taħt it-12-il sekonda.
Atleti oħra li se jkunu qed ifittxu li jilħqu fruntieri ġodda u li se jwettqu tentattiv ieħor għal rekords importanti huma Luca Martini fit-tfigħ tal-hammer, Daniel Saliba fil-100m hurdles, Claire Azzopardi fil-long jump u t-triple Jump u Janet Richard fl-400m.
Fid-dawl tal-aħħar żviluppi marbuta mal-pandemija tal-Covid-19 f’pajjiżna, u wara l-konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet tas-saħħa, l-MAAA ħadet id-deċiżjoni responsabbli li torganizza dan l-avveniment bil-bibien magħluqa. Madankollu, l-Assoċjazzjoni se tkun qed tipprovdi striming dirett ta’ dan l-avveniment biex jitgawda mill-entużjasti kollha.