“Kelma li ħa nżommu b’mod sagrosant. Aħna tajna kelma u se nżommuha. Mill-2014 tajna prezzijiet tal-enerġija stabbli, dik il-kelma mal-poplu, aħna dik il-kelma se nżommuha.”
Dan kien il-messaġġ ċar li għadda l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attività politika fil-Marsa.
Din l-għajnuna hija l-aqwa investiment li qed jagħmel il-Gvern fil-poplu, li wasslet għal baġit favur il-progress soċjali.
Qal, “U dak kien fi ftit kliem kieku kellek tgħasar il-baġit li ressaqna, insejħalu li l-baġit li offra l-għodda għall-progress soċjali. Għalhekk kien il-baġit li offra l-ikbar żieda li qatt kellna fil-pensjonijiet, l-ikbar żieda li qatt kellna fiċ-children’s allowance u l-ikbar żieda li qatt kellna fil-Paga Minima Nazzjonali. Pero araw kemm ħabbarna affarijiet fil-baġit, araw kemm għamilna differenza f’ħajjet in-nies, ebda miżura ma kienet tagħmel sens, kienu poġġejna l-piż tal-enerġija fuq spallet il-poplu u fuq spallet in-negozji. Araw barra minn pajjiżna x’qed jiġri.”
Dan xpruna żewġ rapporti internazzjonali pożittivi dwar l-ekonomija mill-Fond Monitarju Internazzjonali u Moody’s din il-ġimgħa.
Stqarr, “Kellna l-aqwa riżultati minn kull pajjiż ieħor. Kellna l-inqas rata ta’ qgħad, l-ikbar rata ta’ tkabbir ekonomiku, kellna l-akbar rata ta’ investiment, kellna l-akbar rata ta’ stabbilita.”
Il-Prim Ministru semma li l-Gvern se jagħmel aktar investimenti fil-qasam tal-enerġija, fosthom bl-impjant tal-waste-to-energy, it-tieni interconnector u proġetti ta’ enerġija rinnovabbli barra l-ibħra territorjali.
Innota li l-establishment qed jattakka dan l-investiment, anki billi jipprova jaqta’ l-fondi Ewropej.
Sostna, “U jien ngħidilhom ħaġa waħda. M’intomx se tintimidawna. Aħna għandna l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi għal qalbna u se nibqgħu naħdmu bis-saħħa għall-Għawdxin u għall-Maltin kollha.”
Il-Prim Ministru temm b’dan il-messaġġ b’saħħtu.
Qal, “Nibqgħu ponn wieħed maqgħudin flimkien fl-ideat tagħna. Għax flimkien aħna l-moviment tal-progressivi għax flimkien nistgħu nibqgħu nwettqu Malta Ġusta.”