Fuq il-midja soċjali, supermarkets ewlenin f’pajjiżna għaddejjin bi “gwerra tal-prezzijiet” għal min għandu l-orħos prodotti għall-klijenti tagħhom. Dan ġie instigat wara li l-ġimgħa l-oħra ġie ffirmat ftehim storiku bejn l-importaturi u l-bejjiegħa għal stabbiltà fil-prezzijiet essenzjali ta’ iżjed minn erba’ mitt prodott fi ħmistax-il kategorija differenti ta’ ikel, li se jidħol fis-seħħ mill-ewwel ta’ Frar li ġej.
Dwar dan, ONE News tkellem mal-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, li tenna li din turi l-kompetizzjoni b’saħħitha.
“Issa qegħdin naraw li l-istess stabbilimenti qegħdin jaraw kif ikomplu joffru aktar roħs fuq prodotti li mhumiex fuq dik il-lista u allura tieħu pjaċir tara li finalment verament qed naraw is-suq li verament jikkompeti biex joffri prezzijiet ħafna aktar ġusti lill-familji Maltin u Għawdxin. Dik li, fl-aħħar mill-aħħar, kienet ukoll parti minn dak il-messaġġ li konna qegħdin inwasslu, li ejja isma’ naraw is-suq ikun kompetittiv, jekk hawn numru ta’ stabbilimenti jista’ jkollna suq aktar kompetittiv. Forsi dik il-kickstart li kien hemm bżonn, naħseb wasslet biex issa qed naraw il-kompetizzjoni fil-verità fl-intier tagħha.”
Il-Ministru Schembri ta l-aħħar dettalji dwar din l-inizjattiva, waqt li saret laqgħa tal-Kunsill Konsultattiv tal-Intrapriżi, li preżenti għaliha kien hemm entitajiet tal-Gvern minn bosta setturi u anke l-imsieħba soċjali.
Tkellem dwar id-Direttiva ta’ Pagamenti Tard (Late Payments Directive), li bħalissa tinsab fil-fażi ta’ konsultazzjoni pubblika u li se tolqot lil bosta.
“Fuq l-agreements li jkollhom is-supplier u the end users biex jiftehmu kif għandhom iħallsu lil xulxin. U allura qed naqbduha mill-bidu biex naraw li meta jiena jkolli l-laqgħat fil-Kunsill tal-Ministri nkun nista’ mmur b’pożizzjoni aktar b’saħħitha li tirrifletti l-ħsibijiet ukoll tal-poplu u l-istakeholders kollha Maltin.”
Ma’ dawn hemm ukoll il-ħidma fuq id-dritt li kumpaniji jkollhom il-kont bankarju tagħhom, il-Credit Review Office, l-uffiċċju li se jiddiskuti s-self li ġew irrifjutati u anke ċ-ċentru fejn tinġabar id-dejta ta’ kumpaniji biex tonqos iżjed il-burokrazija.
“Għandek il-Credit Reform Office li wasalna fi stadju avvanzat ħafna u fil-ġimgħat li ġejjin qed nara li nkunu qed innieduh. Għandek ir-right of bank accounts, diġà għandna draft b’saħħtu ta’ liġi, imma jinsab fi stadju avvanzat ta’ konsultazzjoni. U miżura tant għal qalbi hi dik tar-repożitorju tad-dejta, li ħa tkun qed iġġib bidla totali kif joperaw in-negozji ġewwa pajjiżna, qegħdin fi stadju li jiddraftjaw it-tender, biex eventwalment kif joħroġ it-tender, imbagħad, nistgħu jekk Alla jrid inħarsu lejn l-implimentazzjoni tagħha.”