Is-sidien tal-istabbilimenti tal-catering, ħafna minnhom huma ristoranti, qalu li fiċ-ċirkostanzi straordinarji li d-dinja kollha qed tgħix fihom, kellhom andament tajjeb fi żmien il-festi.
Waqt il-programm Follow-up imxandar fuq ONE, bi preżentazzjoni ta’ Krista Caruana, Sean Gravina, wieħed mill-membri tal-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-istabbilimenti qal meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, kellhom okkupanza ta’ 60%.
Saħaq li din iċ-ċifra trid tittieħed f’kuntest li r-ristoranti riedu jaħdmu b’ċertu restrizzjonijiet ordnati mill-awtoritajiet tas-saħħa biex tkompli tiġi mrażżna l-imxija.
Saħaq li t-turist lokali, jiġifieri l-Malti huwa konsumatur li jonfoq u li bih daret ir-rota: “Bħala association għamilna survey żgħir. Kien hemm qisu 58%-60% meta kkumparat mas-sena ta’ qabel. Li meta tara ċ-ċirkostanzi li qegħdin, bir-restrizzjonijiet li għanda bħala ristoranti, tliet metri ġewwa għaliex ovvjament kien naqra kiesaħ u allura aktar nies qagħdu n-naħa ta’ ġewwa. Ma kienx daqshekk ħażin.”
Is-Sur Gravina, li huwa sid ta’ ristorant ewlieni semma għajnuniet kbar li ta l-Gvern biex b’hekk ġew salvati l-impjiegi ta’ nies li jaħdmu fl-istabbilimenti u n-negozju baqa’ għaddej.
Huwa sostna: “L-istabbilimenti tagħna kellhom ħaddiema biex jieħdu ħsieb 60 persuna f’daqqa pereżempju, meta inti mimli. Issa ħa nkunu 30 persuna. Jiġifieri l-wage supplement huwa hemmhekk fejn jidħol id f’id mal-istabbilimenti għax inti għandek naqra ferita. Issa l-ferita hija madwar id-dinja kollha, jiġifieri biex itaffiha dik il-ferita, forsi timlieh ristorant imma bħalissa qed timlieh nofs jew inqas. Jiġifieri l-għajnuna tal-wage supplement, tad-dawl, tal-ilma, imorru id f’di. Restrizzjonijiet mingħajr għajnuna ma kinitx taħdem.”
Qal li għall-kuntrarju, f’pajjiżi oħra fejn anki ġie impost lockdown nazzjonali, l-istabbilimenti f’dawn il-pajjiżi ħadu daqqa enormi.
Gravina tenna: “L-Ingilterra, l-industrija tal-catering ħadet daqqa enormi. Ħlief nara xiftijiet li kont naħdem magħhom li jiktbu online biex il-Gvern jgħin, biex il-Gvern jagħmel hekk, mhux qed nara.”
Fil-programm intervjena wkoll il-Viċi President tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, Philip Fenech.
Is-Sur Fenech semma l-għajnuna addizzjonali li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela lis-sidien tal-bars u l-każini.
Qal ukoll kif in-negozji qed juru reżiljenza u qed jibqgħu għaddejjin anki jekk mhux żmien faċli għalihom.
Saħaq li dan huwa fattur importanti biex issa, li beda t-tilqim, terġa’ tibda t-triq ta’ rkupru u n-negozji jkunu lesti biex jerġgħu jaħdmu fi klima ekonomika aħjar minn dik tal-eqqel tal-pandemija.
Is-Sur Fenech stqarr: “Aħna bħalissa qed nippruvaw inżommu lin-negozju fis-suq. Dik l-importanti. Hemm reżiljenza enormi mill-industrija, hemm sforzi kbar ukoll, hemm telf ukoll. Mhux kulħadd tilef għax hemm min mar daqxejn aħjar.”