L-Isqof t’Għawdex Anton Teuma fetaħ il-Ġublew tat-Tama fid-djoċesi tal-gżira fil-Katidral tal-Assunta.
Fl-omelija tiegħu, hu qal li l-fidi mhijiex biss li nemmnu f’Alla, li Alla jeżisti, jew inkella l-kredu, iżda li l-fidi hi rigal tal-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla għalina. Dan għax jekk ma jkollokx il-fidi, ma jistax ikollok it-tama. Il-fidi hi din il-konvinzjoni, din l-esperjenza li aħna nagħmlu fil-ħajja tagħna li Alla jħobbna, mhux li aħna nħobbu lilu.
Hu temm jgħid li Ġesù jinstab saħansitra fid-diffikultajiet il-kbar ta’ ħajjitna u biex verament ikollna s-serenità fil-qalb tagħna, din trid tiġi mit-tama, mhux mill-ottimiżmu, jew minn kemm aħna nies pożittivi, imma minn kemm aħna konvinti li aħna qegħdin f’dak li hu tal-Missier, f’dak li hu ta’ Alla.