“Il-Milied huwa festa ta’ dak li huwa sempliċi.”
Qal dan l-Isqof ta’ Għawdex, Monsinjur Anton Teuma f’messaġġ għal Jum il-Milied, fejn spjega li dan iż-żmien sabiħ huwa speċjali għax joħroġna mir-rutina tal-ħajja ta’ kuljum.
Madankollu, l-Isqof Għawdxi qal li dan jaf iwassal biex wieħed jagħmel kollox u jinsa l-veru qofol ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet – it-twelid ta’ Ġesu Bambin.
“Alla li jsir bniedem bħalna ġewwa familja. Għal fejn isir bniedem Alla, isir bniedem sabiex jgħin fl-esperjenzi tal-ħajja ta’ kuljum, jgħin lilna ngħixu d-diffikultajiet, il-mard, ngħixu l-problemi, ngħixu l-konflitti fir-relazzjonijiet, ngħixu t-tmiem ta’ relazzjoni. Il-vojt li jħalli persuna għażiża. Għalhekk Alla jsir bniedem.”
L-Isqof ta’ Għawdex, Anton Teuma
Hawn, l-Isqof t’Għawdex qal li Alla sar bniedem biex jgħinna ngħixu l-ħajja ordinarja.
L-Isqof Teuma qal li dan irrid isir billi nieqfu u nirriflettu fuq il-ħajja tagħna sabiex nisimgħu lil Alla jgħinna u jdawwalna kif għadna ngħixu ħajjitna.
Saħaq kif għal dan il-għan, id-Djoċesi Għawdxija bħalissa għaddejja bil-vista pastorali sabiex tati ċans lil Alla ikellimna.
“Alla ma irrid xejn mingħand il-bniedem, ħlief xi ħaġa waħda – dik li jilqa’ l-imħabba tiegħu. Għalhekk il-Milied, u għalhekk il-ħidma li tagħna id-Djoċesi u l-ħidma li nagħmlu fil-parroċċa fil-ħidma pastorali tagħna. Għalhekk qed inniedu f’dawn iż-żminijiet qed inniedu ħidma speċjali favur il-familja. Din il-familja li Alla għoġbu jitwieled. Għoġbu jsir membru ta’ din ir-realtà umana.”
L-Isqof ta’ Għawdex, Anton Teuma
Dwar dan, l-Isqof Għawdxi ħabbar li d-Djoċesi se tkun qed taħdem biex tilħaq kull faxxa ta’ familji. Dan għaliex kulħadd huwa importanti f’għajnejn il-Mulej.
Waqt li awgura l-Milied it-tajjeb lil kulħadd, l-Isqof Għawdxi tenna mill-ġdid l-importanza tal-festi tal-Milied.
“Il-Milied mhux għajr il-festa ta dak li huwa sempliċi. Mhux għajr il-kapaċità ta’ dak li huwa straordinarju fl-ordinarju. Mhux għajr Alla nnifsu li jidħol fl-istorja sempliċi u normali tal-bniedem. Mhux għajr dawl fuq id-dlam tal-bniedem. Il-Milied huwa aħbar sabiħ fejn hemm id-dlam fejn hemm id-dwejjaq.”
L-Isqof ta’ Għawdex, Anton Teuma