“Mingħajr Ġesu, il-ħajja tagħna qisha presepju magħmula biss minn fabbriki u min-nies li jaħdmu.”
Dan qalu l-Isqof ta’ Għawdex, Dun Anton Teuma f’messaġġ għal Jum il-Milied, fejn iddeskriva s-sinifikat tal-Presepju li nsibu fid-djar Maltin u Għawdxin f’dawn iż-żminijiet u tkellem dwar x’jirrapreżentaw il-pasturi fil-ħajja ta’ kuljum.
Qal li l-presepju huwa sinonimu mal-Maltin u Għawdxin, u li kieku jkollna niffukaw fuq il-presepji li naraw f’dawn il-ġranet, ninnutaw li fiċ-ċentru tiegħu hemm familja.
Qal, “Għaliex Marija, Ġużeppi u Ġesu jiġbduna? Għax fl-aħħar mill-aħħar l-importanti mhux il-ġebel, mhux il-kumdità u s-sabiħ li għandna fid-dar imma l-iktar importanti huma ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna.”
Irrimarka li b’kuntrast mal-ġebel u s-saqaf li joħolqu l-binja, hija l-għaqda fil-familja li tagħmilha dar.
Tkellem ukoll dwar l-importanza tal-ħaddiem, li jistinka matul il-ġurnata tax-xogħol però li jsib ftit ħin ukoll għal ma’ Ġesu.
Huwa fakkar fit-tbatijiet li għaddejjin minnhom ħutna barra minn xtutna. F’dan l-isfond ir-ragħaj spiritwali tad-djoċesi Għawdxija qal li dan il-Milied għandu jkun mument fejn Ġesu jkun preżenti u nħossu l-ferħ f’qalbna.
Qal, “Il-Milied it-tajjeb lilkom ilkoll b’mod speċjali lil dawk li għaddejjin minn tbatija.”