Fi stqarrija l-Arċidjoċesi qalet kif għada l‑Erbgħa, 2 ta’ Awwissu 2023, se jiġi ċċelebrat l‑Għasar tal‑Mejtin għar‑ruħ Mons. Paul Darmanin OFM Cap, Isqof Emeritu tad‑Djoċesi ta’ Garissa fil‑Kenja, li miet nhar it‑Tlieta, 25 ta’ Lulju.
Dan il‑mument ta’ talb se jitmexxa mill‑Isqof Joseph Alessandro OFM Cap, fil‑Knisja tas‑Salib Imqaddes fil‑Furjana, magħrufa bħala ‘Tal‑Kapuċċini’, fis‑7pm.
Il‑Ħamis, 3 ta’ Awwissu 2023, fis‑7:30am, il‑ġisem ta’ Mons. Darmanin se jkun espost fil‑kappella tal‑Lunzjata f’Ħaż‑Żabbar.
Wara, fid‑8:45am, jitlaq korteo għas‑Santwarju tal‑Madonna tal‑Grazzja fejn se ssir quddiesa praesente cadavere fid‑9:30am. Fl‑istess quddiesa se tingħata wkoll l‑aħħar tislima lil oħtu Mary Darmanin.
Jippresiedi l‑quddiesa l‑Arċisqof Charles Scicluna. Miegħu se jikkonċelebraw: in‑Nunzju Appostoliku l‑Arċisqof Savio Hon Tai‑Fai, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi, l‑Arċisqof Emeritu ta’ Tiranna‑Durres George Frendo OP, l‑Isqof Emeritu ta’ Garissa Joseph Alessandro OFM Cap, is‑Segretarju tan‑Nunzju Mons. Dennis Kuruppassery u l‑komunità tal‑patrijiet Kapuċċini u saċerdoti oħra.
Id‑difna se ssir fil‑kennierja ta’ taħt il‑knisja tal‑Kapuċċini fil‑Furjana.