Nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Awwissu 2019, jasal Malta mill-Perù l-Isqof Giovanni Cefai, l-ewwel isqof Malti tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP). Din hi l-ewwel żjara tiegħu f’Malta minn meta fit-3 ta’ April li għadda l-Papa Franġisku ħatru Isqof tal-Prelatura Territorjali l-ġdida ta’ Santiago Apóstol de Huancané, fil-Perù. Fil-bidu taż-żjara tiegħu f’Malta, is-Sibt, 10 ta’ Awwissu fl-10:00 a.m., l-Isqof Cefai ser jiċċelebra quddiesa quddiem l-inkwatru tal-Madonna ta’ Pompej li jinsab fil-Knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt Valletta. Għal din l-ewwel quddiesa tiegħu f’Malta huma mistiedna l-kappillani u s-superjuri tal-kunventi tal-parroċċi tal-Belt Valletta u l-Furjana, is-superjuri tal-kunventi tas-sorijiet, u saċerdoti u lajċi li ħadmu f’artijiet tal-missjoni. Huwa se jkun akkumpanjat ukoll mis-saċerdoti tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl.
L-Isqof Giovanni Cefai għażel li jiċċelebra l-quddiesa quddiem dan l-inkwatru partikolari għaliex kien proprju quddiemu li fit-8 ta’ Mejju 1898, fil-festa tal-Madonna ta’ Pompej, li Mons. Giuseppe De Piro, fundatur tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, iddeċieda li jibda t-triq tas-saċerdozju.
L-Arċisqof Charles J. Scicluna se jikkonċelebra f’Quddiesa Pontifikali mal-Isqof Cefai, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Din ser issir il-Ġimgħa, 30 ta’ Awwissu, fis-7:00 p.m. Kulħadd huwa mistieden.
Waqt iż-żjara tiegħu f’Malta, l-Isqof Giovanni Cefai se jiċċelebra quddies ukoll fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħad-Dingli, fil-Bażilika ta’ Santa Elena u fl-Oratorju MSSP f’Birkirkara, f’Dar San Ġużepp Santa Venera, fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Duminku l-Belt Valletta, u fil-Knisja Parrokkjali ta’ Wied il-Għajn.
Mons. Giovanni Cefai twieled iż-Żebbuġ Għawdex fil-5 ta’ Awwissu 1967 u ngħaqad mas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fl-1984. L-ordinazzjoni episkopali tiegħu saret fit-22 ta’ Ġunju fil-Katidral ta’ Arequipa, il-Perù.