L-Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Isqof Mario Grech u l-Isqof Awżiljarji-elett Joseph Galea-Curmi jifirħu lil Rev. Charles Victor Emmanuel Gauci, għall-ħatra mill-Papa Franġisku ta’ Isqof tad-Djoċesi ta’ Darwin fl-Awstralja.
L-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex jingħaqdu fit-talb għall-Isqof-elett biex il-Mulej jagħtih l-għajnuna f’din il-missjoni ġdida tiegħu.
Rev. Charles Victor Emmanuel Gauci twieled f’Malta fil-31 ta’ Marzu 1952 u flimkien mal-ġenituri tiegħu emigra l-Awstralja fl-età ta’ 12-il sena. Huwa ġie ordnat saċerdot fl-Arċidjoċesi ta’ Adelaide fl-10 ta’ Diċembru 1977 u attenda korsijiet ta’ formazzjoni Injazjana sabiex isir direttur spiritwali.
Hu wettaq il-ministeru saċerdotali tiegħu prinċiparjament f’parroċċi kbar bħal: Hectorville, Woodville, Elizabeth North u Elizabeth South, Noarlunga-Seaford, Willunga-Kangaroo Island, Victor Hector Goolwa Island u Noarlunga-Seaford-Willunga.
Rev. Charles Victor Emmanuel Gauci huwa l-Assistant Ekkleżjastiku (National Chaplain) tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M.) u minn Frar 2017 huwa l-amministratur tal-katidral ta’ Adelaide.