L-isqfijiet qalu li qraw b’dispjaċir l-emendi proposti għall‑Att dwar il‑Protezzjoni tal‑Embrijuni.
Skont huma l-emendi li se jgħinu iktar persuni jsiru ġenituri u jkabbru familja jgħamlu lit‑tarbija oġġett li qiegħed hemm biss biex jissodisfa x‑xewqa ta’ ħaddieħor.
“L‑ulied huma għeżież u ma ħaqqhomx hekk. Jistħoqqilhom li jkunu mħarsa fil‑ħtiġijiet fiżiċi, emozzjonali, psikoloġiċi, morali u spiritwali tagħhom. Huma l‑ġenerazzjonijiet futuri li jkollhom jaħsdu dak li qed jinżera’ llum,” qalu l-isqfijiet. Anke jekk il-liġi Maltija diġà taħseb għall-iffriżar tal-embrijuni issa l-isqfijiet qed jitħassbu dwaru wkoll. “tħassibna ħafna wkoll il-proposta li l-iffriżar tal-embrijuni ser jibda jsir b’għażla. Hemm ħafna problemi etiċi oħra assoċjati ma’ dan fosthom il‑periklu li embrijuni ffriżati jibqgħu ma jiġux adottati għax ma jridhom ħadd,” qalu l-isqfijiet.