L-Isqaq tal-Kappillan – l-itwal sqaq f’Ħal Għaxaq fejn għal snin saħansitra għexu ’l fuq minn erba’ mitt persuna, u li ħafna mill-attività f’dan ir-raħal kienet ikkonċetrata fih.
Sqaq li minkejja djar sempliċi tipikament tal-familji tal-klassi medja tas-snin ħamsin u sittinijiet, għandu storja kbira u anke oħrajn ħelwin x’jirrakonta.
Kien dan li xpruna lis-Sur Twannie Agius biex jikteb ktieb li fih ġabar uħud mill-aktar memorji ħelwin ta’ dan l-isqaq fil-qalba ta’ Ħal Għaxaq, fosthom it-tiġijiet li kienu jorganizzaw.
Agius b’sens ta’ nostalġija u dispjaċir jgħid kif il-ħajja tipika li kienu jgħixu, jiġfieri ta’ tfal jilgħabu fl-isqaq, spiċċat darba għal dejjem – u l-isqaq illum tista tgħid li jkun kwiet minn filgħodu sa filgħaxija.
Għat-tnedija tal-ktieb li saret il-Ħadd filgħodu fl-istess sqaq attenda l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, fejn qal kif dawn ir-rakkonti flimkien mal-karrateristiċi tal-irħula Maltin fosthom Ħal Għaxaq huma wkoll elementi li jagħmluna Maltin.
Huwa qal kif għandna nkunu kburin bl-esperjenzi tal-familji Maltin u Għawdxin li għexu f’epoki differenti, anke fiż-żmien meta r-riżorsi kienu anqas.