Il-Prim Ministru Ingliż, Boris Johnson qal li s-servizzi tas-saħħa tal-pajjiż u l-isptarijiet se jaffaċċjaw pressjoni qawwija fil-ġimgħat li ġejjin minħabba ż-żieda fl-infezzjonijiet iżda għalissa, il-Gvern se jżomm mal-pjanijiet li għandu u mhux se jintroduċi miżuri ġodda.
Huwa żied li minkejja li l-varjant il-ġdid, l-Omicron, jidher li hu iktar ħafif minn varjanti oħra bħala sintomi, ma jkunx għaqli li naġixxu daqs li kieku l-pandemija għaddiet.
Johnson qal ukoll li l-maġġoranza tan-nies li ġew bżonn kura intensiva mhumiex imlaqqma jew inkella kienu għadhom ma ħadux il-booster.
Bħalissa fl-Ingilterra hemm kważi tnax-il elf persuna fl-isptarijiet bil-Covid, li xorta hija ċifra inqas mill-ogħla livelli li ntlaħqu tul ix-xitwa li għaddiet.
Fejn tidħol l-iskola, l-istudenti fl-iskejjel sekondarji kollha fl-Ingilterra jridu jiġu ttestjati kontra l-Covid-19 qabel jirritornaw fuq il-bankijiet tal-iskola fejn iridu jilbsu wkoll il-maskri.