Tul dawn l-aħħar jiem, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex iffaċċja numru ta’ diffikultajiet minħabba l-ammont ta’ pazjenti li fittxew il-kura wara li kellhom is-sintomi tal-influwenza. Fi stqarrija ntqal kif il-maniġment tal-isptar tkellem mal-Kapijiet tad-Dipartimenti u kif ukoll l-istaff mediku fl-isptarijiet kollha fejn ġie deċiż li żoni li s-soltu jintużaw għal każijiet ta’ matul il-jum se jkunu temporanjament qed jipprovdu kura għall-pazjenti li jkollhom bżonn trattament.
L-istqarrija tgħid li ġie deċiż ukoll li ċerti operazzjonijiet mhux kritiċi se jiġu posposti bi ftit jiem, fil-waqt li operazzjonijiet kritiċi se jsiru kif kien mistenni. Intqal kif l-istaff tal-isptar qed jagħmel minn kollox biex il-pazjenti jirċievu l-aqwa servizz u kura sabiex is-sitwazzjoni terġa’ tmur lura għan-normal kemm jista’ jkun malajr.