L-Isptar Monte Karmeli qiegħed jieħu diversi miżuri kemm fl-istruttrutura u anke ta’ proċedura sabiex ikun preprarat biex tiġi assigurata s-sigurtà tal-pazjenti minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
Pazjenti ġodda li jidħlu f’dan l-isptar qed isirilhom swab test għall-Coronavirus u qegħdin jinżamu f’żoni speċifiċi sakemm joħroġ ir-riżultat. Dan filwaqt li qed jingħataw kura psikjattrika fis-sala fejn jinżammu pazjenti ġodda sabiex jekk ikun hemm xi pazjent mingħajr sintomi ma jxerridx il-virus.
Intant, żoni partikolari fl-isptar ġew irriservati għall-pazjenti li jkollhom il-Coronavirus u jkollhom bżonn kura psikjatrika, kif ukoll għall-pazjenti li jkunu qegħdin ikkurati għall-Coronavirus u li jkunu fuq kwarantina mandatorja.
Fi stqarrija d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne faħħar dawn l-inizjattivi li qed jittieħdu fl-isptar Monte Karmeli, kif wkoll il-ħaddiema ta’ dan l-isptar tad-dedikazzjoni li qed juru b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet ta’ sfidi.
Huwa tkellem ma’ diversi ħaddiema li jaħdmu f’dan l-isptar li bħalissa qed jiġu mħarrġa sabiex ikunu jafu kif għandhom jilbsu l-ilbies protettiv f’każ li jkollhom jassistu pazjenti li għandhom il-Coronavirus.