L-atleta Olimpika mill-Belarus li rrifjutat l-ordnijiet li ngħatat mit-tim tagħha biex titlaq lejn pajjiżha, telqet mill-Ġappun.
L-atleta żagħżugħa ta’ erbgħa u għoxrin sena, qabdet titjira lejn Vjenna kmieni l-Erbgħa filgħodu.
Hija kienet mistennija li ttir dirett lejn Varsavja peress li l-Polonja ħarġitilha viża umanitarja, imma minflok bidlet id-destinazzjoni tagħha fl-aħħar minuta.
Iż-żagħżugħa esprimiet biża’ għas-sigurtà tagħha wara li ġiet sfurzata tippakkja u ttieħdet lejn l-ajruport ta’ Haneda f’Tokyo l-ġimgħa l-oħra, wara li kkritikat lill-kowċis tagħha.
Hija ngħatat protezzjoni mill-Pulizija qabel ma ttieħdet fl-ambaxxata Pollakka f’Tokjo, fejn inżammet sakemm ma mbagħad marret l-ajruport l-Erbgħa filgħodu.
Il-Belarus qal li tneħħiet mit-tim nazzjonali minħabba l-istat emozzjonali tagħha, imma ż-żagħżugħa qalet li ma ssofri mill-ebda problemi ta’ saħħa mentali u ma kellmet l-ebda tobba fil-villaġġ Olimpiku.