L-ispiża tal-Gvern għall-operat tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Isptar Karin Grech, mingħajr Steward, hi ogħla mill-ispiża li kien iħallas il-Gvern lil Steward meta kien imexxi dawn iż-żewġ sptarijiet.
Iddikjara dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, it-Tlieta filgħaxija fil-Parlament meta ċċara ċ-ċifri b’rabta mal-operat ta’ dawn iż-żewġ sptarijiet, anke fi sfond ta’ artikli skorretti li dehru f’ċerti gazzetti.
Qal, “Meta l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u Karin Grech kienu jitmexxew mill-konċessjonarju, minn Steward, il-Gvern kien iħallas subvention waħda – kien iħallas pakkett wieħed skont il-konċessjoni u dik kien ikun fiha kollox. Meta issa, ladarba dawn l-isptarijiet ġew lura għand il-Gvern u allura saru entitajiet, bħall-entitajiet u l-isptarijiet l-oħrajn li hemm fil-kura nazzjonali tas-saħħa, il-line items issa ma baqgħux line item wieħed sħiħ, imma hemm line items differenti li jirrigwardjaw l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Isptar Karin Grech.”
Hu rrimarka, kif is-sena li għaddiet kienet sena sħiħa li matulha dawn iż-żewġ sptarijiet kienu qed jitmexxew minn Steward.
Dan filwaqt li din is-sena rat l-ewwel ftit xhur jitmexxew minn Steward u l-kumplament mill-Gvern, wara li ħa l-kontroll ta’ dawn l-isptarijiet.
Is-sena d-dieħla se tkun sena sħiħa mingħajr Steward, bit-tmexxija b’mod sħiħ se tkun tal-Gvern.
Qal, “Għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex hemm il-line item 5,862 li hu għas-sena li ġejja ta’ kważi €43 miljun. Għall-Isptar Karin Grech hemm il-line item 5,863 li hu ta’ €31 miljun. Ma’ dawn trid iżżid żewġ line items oħra li fi żmien li kienu taħt Steward dawn iż-żewġ sptarijiet, ma kien jitħallas xejn fihom u dawn huma s-7,611 li hemm disa’ miljun fih u 7,612 li hemm miljun ieħor fih.”
Meta wieħed iqis dawn l-erba’ line items isib li s-sena li għaddiet, is-somma li ntefqet fuq dawn iż-żewġ sptarijiet kienet ta’ disgħa u sittin miljun u disa’ mitt elf ewro, kważi sebgħin miljun.
Din is-sena, li rat it-tmexxija kemm ta’ Steward u kemm tal-Gvern, in-nefqa kienet ta’ disgħa u sebgħin miljun u ħames mitt elf ewro.
Is-sena d-dieħla mingħajr Steward, in-nefqa se tkun ta’ erbgħa u tmenin miljun u mitt elf ewro.
Qal, “Jiġifieri jekk tqis sena sħiħa ta’ Vitals tiġi kważi sebgħin miljun, sena sħiħa mingħajr Vitals erbgħa u tmenin miljun, issib li fil-fatt, il-figura li jkopru dak kollu li hemm fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex u Karin Grech issib, mingħajr il-pagi – għax il-pagi kulħadd qed jgħid li mhemmx diffikultà fuqhom dawk – issib li l-ispiża tal-Gvern għal dawn l-isptarijiet mingħajr Steward hi fil-fatt ogħla mill-ispiża li kien iħallas il-Gvern lil Steward meta kien imexxi dawn iż-żewġ sptarijiet.”