Fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, l-ispiża medja ta’ sena biex il-familji jsaħħnu djarhom u jixegħlu d-dawl b’mod normali issa qabżet il-paga ta’ xahar ta’ ħaddiem b’paga baxxa.
Dan ħareġ minn statistika ppubblikata mill-Konfederazzjoni tas-Sħab Soċjali tal-Ewropa, li minnha jirriżulta li dan hu l-każ f’sittax-il Stat membru tal-Unjoni Ewropea.
Dawn l-iżviluppi qed iseħħu kawża tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna, li kkawżat żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija madwar l-Erwopa. Il-prezz tal-enerġija fl-Ewropa, fil-fatt, żdied bi 38% meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ li l-aktar pajjiż fejn iridu jaħdmu sabiex iħallsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom huwa r-Repubblika Ċeka. Hemmhekk, il-ħaddiema bil-paga minima jridu jaħdmu aktar minn xahrejn biex iħallsu l-kontijiet tad-dawl tagħhom ta’ sena.
Fl-aħħar jiem, fir-Repubblika Ċeka kien hemm protesti kbar sabiex jappellaw biex il-Gvern ta’ pajjiżhom jagħmel xi ħaġa sabiex jikkontrolla l-prezz tal-enerġija.
Fl-Estonja u l-Greċja, il-ħaddiema bil-paga medja jridu jaħdmu erbgħa u ħamsin ġurnata biex iħallsu l-kont tad-dawl tagħhom ta’ sena.
Fl-Olanda, il-ħaddiema bil-paga baxxa jridu jaħdmu aktar minn xahar u nofs biex iħallsu l-kont tad-dawl tagħhom li jkopri tnax-il xahar.
F’pajjiżi bħall-Ġermanja u Franza, il-ħaddiema bil-paga medja jridu jaħdmu aktar minn xahar biex iħallsu l-kont tad-dawl tagħhom ta’ sena.
B’kuntrast ma’ dan, il-prezz tal-enerġija f’pajjiżna baqa’ wieħed stabbli hekk kif il-Gvern qed ikompli jilqa’ għaż-żieda qawwija li ġejja minn barra fil-prezzijiet tal-enerġija. Skont ċifri li kiseb ONE News, il-familji Maltin u Għawdxin qed jiffrankaw mill-inqas €1,700 fuq id-dawl, il-gass, u l-fjuwils, minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent.
Ritratt: Belga / Michel Krakowski