L-investigatur ewlieni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Ispettur Keith Arnaud ċaħad kategorigament artiklu f’ġurnal lokali li allega li l-avukat ġenerali mistennija jressaq l-att tal-akkuża fl-aħħar minuta fil konfront tat-tliet akkużati jgħaddu ġuri. Dan ftit qabel ma jiskadu l-20 xahar mill-arrest tagħhom, il-perjodu li ladarba jiskadi jkunu jistgħu jinghataw il-ħelsien mill-arrest b’ mod awtomatiku.
B’rabta ma’ dan l-omiċidju qed jiġu akkużati l-aħwa Alfred u George Degorgio magħrufa bħala l-‘Fulu’ u ċ-‘Ċiniż’ flimkien ma’ Vince Muscat ‘il-Koħħu’.
F’kitba fuq is-sit soċjali facebook l-Ispettur Arnaud qal li l-awtur inħeba wara sorsi fittizji u saħaq li dak rapportat m’ għandu xejn mill-verità.
L-ispettur Arnaud sostna li dawk li vera jistgħu jkunu sorsi, jiġifieri l-investigaturi nnifishom ma għandhom l-ebda strateġija jew pjan ‘li jaqflu lit-tlett akkużati u jarmu ċ-ċavetta’ kif allega l-artiklu ppublikat fuq ‘The Malta Independent’.
Arnaud qal li dan mhux xogħlom li jaqflu lil xi ħadd u jarmulu ċ-ċavetta, u sostna li dan hu turija ta’ kemm minn kiteb l-artiklu ma jafx kif taħdem is-sistema legali f’pajjiżna.
Huwa temm jgħid li dan l-artiklu jista’ jippreġudika l-każ li għadu qed jinstema’ quddiem il-qorti, u sostna “it is your responsability that before you publish anything, whether it’s coming from ‘a source’ or some sort of fantasy that you might have dreamt of, do have some decency and consider well the wording and any impact your article may have.”