L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, ġie ppreżentat bil-ktieb “Leave No One Behind” mis-CEO tal-Malta Food Agency s-Sur Brian Vella. Dan iIl-ktieb fih ġabra ta’ diskorsi u kontribuzzjonijiet minn diversi kelliema kemm Maltin u barranin li kienu pparteċipaw f’konferenza li nżammet fil-Parlament ta’ Malta nhar l-14 ta’ Ottubru 2023 li matulha ġiet diskussa t-tbatija ta’ tant bnedmin neqsin mill-ikel bnin, l-aktar f’pajjiżi foqra.
L-Ispeaker f’kelmtejn tal-okkażjoni appella lill-komunità internazzjonali sabiex tieħu azzjoni immedjata u tanġibbli biex tiżdied il-produzzjoni tal-ikel fid-dinja u li pajjiżi għonja nkluż l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Rigward dan, qal li għandhom jikkollaboraw aktar ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali biex jitfassal pjan ta’ azzjoni biex tiżdied il-produzzjoni tal-ikel, bil-pajjiżi foqra jingħataw l-għajnuna meħtieġa fil-qasam tal-biedja u s-sajd bl-għan aħħari jkun, li dawn is-setturi vitali għal ħajja jikbru biex isiru għajn ta’ dħul ekonomiku ewlieni.
L-Ispeaker ikkonkluda billi qal li għandu jitwassal messaġġ ieħor vitali, dak li kull persuna għandha jkollha aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb, bi dritt. Hu qal li f’dawn l-aħħar ġimgħat, ġie rrapportat f’diversi ġurnali barranin, kif ġewwa Gaża, 95% tal-popolazzjoni, m’humiex jixorbu ilma tajjeb u qed jikkawżawlhom ħafna mard, u għaldaqstant appella sabiex f’dan il-każ, l-awtoritajiet Iżraeljani jagħrfu li l-gwerra ma għandiex tkun kontra l-poplu billi jiġi mċaħħad mill-ilma kif qed iseħħ, ikel u bżonnijiet oħra, iżda permezz ta’ djalogu, u dan għandu japplika l-istess f’kull pajjiż li jinsab milqut minn gwerra.