F’ruling li ta llejla l-Ispeaker tal-Kamra Anglu Farrugia, huwa talab lill-eks Kap tal-Oppożżizzjoni Simon Busuttil biex jirtira l-allegazzjoni li għamel fil-konfront tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li kellu x’jaqsam mal-għajbien tal-evidenza b’rabta mal-inkjesta Egrant. Allegazzjoni li l-konklużjoni tal-Inkjesta Maġisterjali ma ġietx ipprovata u li din qatt ma seħħet.
Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Ispeaker qal li f’ebda mument, Membru Parlamentari ma jista jkollu l-libertà li jakkuża b’fatti li ma jirriżultawx, filwaqt li jpoġġi lil xi deputat, f’dan il-każ il-Prim Ministru Joseph Muscat, f’dawl li saħansitra huwa kkommetta reat.
Dan b’referenza għad-diskors li Busuttil allega li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu x’jaqsam mal-ħabi tal-provi, dan hekk kif skont Busuttilm Joseph Muscat mar għand il-Maġistrat sabiex jiftaħ inkjesta li talab hu meta serraħ rasu li l-provi sparixxew.
Intant, il-Ministru Chris Cardona talab il-protezzjoni tas-sedja wara li d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi għamel tweet li fiha akkuża b’mod indirett lill-Minsitru Cardona bi kliem dispreġġjattiv.
F’intervent ieħor, il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri qal li kien hemm qbil mal-Oppożizzjoni biex is-seduta tat-Tlieta filgħaxija titħassar hekk kif taħbat sena mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.