Dalgħodu l-Ispeaker Anġlu Farrugia, rċieva żjara ta’ korteżija mill-membri tal-Fondazzjoni Nanniet Malta, immexxija mill-President u Fundatur tal-Fondazzjoni Philip Chircop.
Matul il-laqgħa, l-Ispeaker ġie ppreżentat b’petizzjoni li kienet tnediet waqt is-sessjoni speċjali tal-Parlament tan-Nanniet ta’ nhar it-30 ta’ Settembru 2017, li titratta dwar id-dritt li n-nanniet ma jiġux imċaħħda milli jaraw lin-neputijiet tagħhom. Bl-istess mod, in-neputijiet f’familja li tkun għaddejja mill-problema ta’ separazzjoni bejn il-ġenituri ma jiġux imċaħħda mid-dritt fundamentali tagħhom, kif huwa espress saħansitra fiċ-Charter tad-Drittijiet tat-Tfal, li jkollom aċċess u jgħożżu membri oħra tal-familja, anke dik estiża, li tinkludi n-nanniet.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia rringrazzja lil dawk preżenti u wegħedhom li se jkun qed jippreżenta l-petizzjoni skont l-obbligi parlamentari. L-Ispeaker tenna li wieħed għandu jagħraf l-irwol tant importanti tal-bosta nanniet fit-trobbija tan-neputijiet, hekk kif dawn huma l-futur ta’ pajjiżna.