Fil-jum meta pajjiżna beda 16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, l-Ispeaker Anġlu Farrugia rċieva żjara ta’ kortesija mill-awtriċi Jean Sasson u Joanna al-Askari.
L-awtriċi Jean Sasson, kittieba ta’ diversi kotba, ppuBblikat madwar 14-il ktieb fir-rigward ta’ ħajjet in-nisa fil-Lvant nofsani. Fost dawn il-kotba insibu “Love in a Torn Land”, liema storja tittratta l-ħajja reali tal-istess Joanna al-Askari, li tirrakkonta l-esperjenzi tal-biża matul il-gwerra bejn l-Iran u lraq.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li, meta wieħed jitkellem dwar vjolenza domestika, dwar l-aġir ta’ min huwa aktar b’saħħtu fuq min huwa vulnerabbli, dan ma għandux jitqies bħala forma ta’ kriminalità ta’ passjoni u għaldaqstant, kemm jekk mara kif ukoll jekk raġel ikunu sofrew tali abbuż, l-awtoritajiet għandhom minnufih jaraw li joffru kull assistenza u għajnuna lil dawk milquta.
Preżenti kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, is-Sur Alfred Grixti, u diversi uffiċjali tal-istess fondazzjoni.
Ritratti: SPK