F’laqgħa tal-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra, l-Ispeaker Anġlu Farrugia nnota kif il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler ma kellux ikompli jinvestiga l-każ ta’ erba’ ġurnalisti li kienu allegaw li tliet persuni żammewhom kontra l-volontà tagħhom f’Kastilja fis-sigħat bikrin tad-29 ta’ Novembru tal-2019.
F’dan il-każ, il-Qorti ma kinitx sabet ħatja lit-tliet persuni mixlija u lliberathom minn kull akkuża iżda kien tressaq appell u għalhekk l-Ispeaker innota li Hyzler ma kellux jinvestiga każ li kien għadu ma nqatax kompletament.
L-Ispeaker innota li fir-rapport tiegħu, Hyzler kellu żball kardinali.
Qal, “Il-Kummissarju ma kellux ikompli jinvestiga l-każ inkwistjoni la darba l-allegazzjoni inkwistjoni qiegħda pendenti quddiem il-Qorti. Jiġifieri ma kinitx għax Joseph Muscat ma kienx għadu fil-Parlament jiġifieri hawnhekk għamlu korrezzjoni għax jien poġġejtu fuq il-mejda tal-Kamra u issa ovvjament huwa pubbliku u trid tirranġaha din għax hija kompletament falza, mhux veritiera.”
Fil-laqgħa tat-Tnejn filgħaxija, quddiem George Hyzler, l-Ispeaker irrimarka li huwa kellu jagħti ruling.
Spjega, “Ma taqbilx mar-ruling għandek kull dritt imma mhux li tidħol f’kwistjoni għax ara x’għedt fir-rapport inti, inti fir-rapport għedt ukoll illi jien lanqas kelli l-poter li nagħmel hekk, minn fejn toħroġ li ma kelliex poter? Ir-rulings min itihom?”
L-espert tal-liġi, il-Professur Ian Refalo, kien qal li l-Ispeaker għamel sew u skont il-liġi, li ta ruling fuq proċess parlamentari li fih waqqaf lill-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, milli jinvestiga każ li għadu sub-judice fil-Qorti.
Hawn l-Ispeaker innota li l-Kummissarju Hyzler kellu kull dritt ma jaqbilx ma’ deċiżjoni tas-sedja iżda mhux jidħol f’diskussjoni pubblika dwarha.
Qal, “Ovvjament għandek dritt ma taqbilx jew min ikollok miegħek, il-konsulent imma mhux tidħol f’diskussjoni pubblika għax tkun qed iċċekken lilek innifsek.”