L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia, informa lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jagħti l-protezzjoni kollha meħtieġa lid-Deputat Chris Fearne u lill-familja tiegħu.
Dan waqt ruling fil-bidu tas-seduta Parlamentari tat-Tlieta, wara li jum qabel id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista, Chris Fearne, talab il-protezzjoni tas-sedja biex ikun jista’ jkompli jaqdi dmirijietu.
Fearne għamel referenza għal diversi artikli ppubblikati, li jindikaw ċar kif hu kien vittma ta’ frame-up li nħema kontrih. Hu qal kif dan il-frame-up sewa aktar minn €6 miljun, bi stejjer kompletament ivvintati.
“Qiegħda b’dan l-istess ruling tinforma lill-Kummissarju tal-Pulizija biex minbarra li l-istess investigazzjoni li qed jagħmel, jara li jagħti l-protezzjoni kollha meħtieġa kif mitluba mill-Onorevoli Chris Fearne u l-familja tiegħu. Ir-ruling huwa deċiż.”
L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia
Fir-ruling li ta, Dr Farrugia ħa azzjoni fil-konfront tal-kumpaniji allegatament responsabbli mill-frame-up, li kien irrapportat mill-Boston Globe u t-Times of Malta, fuq informazzjoni li waslet lin-network globali OCCRP.
“Is-sedja tħoss li f’dan il-każ partikolari u uniku wara l-qari ta’ dan ir-ruling tordna lill-Iskrivan tal-Kamra tgħaddi kopja ta’ dan ir-ruling lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin biex jinnotifika b’mod verbal lill-Ambaxxata Amerikana u l-High Commission Ingliża fejn jidhru l-kumpaniji li kienu allegatament il-moħħ tal-imsemmi fake news indikat.”
L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia
Dan biex b’hekk dawn l-allegazzjonijiet jingħataw anke prijorità assoluta u jiġu investigati mid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti, apparti l-investigazzjonijiet li diġà hemm għaddejjin mill-Pulizija Maltija.
Biex wasal għal dan ir-ruling, l-Ispeaker ikkwota wkoll mir-rapport tal-OCCRP u l-Boston Globe, filwaqt li kkunsidra l-pożizzjoni fil-House of Commons dwar id-diżinformazzjoni u l-fake news bħala theddida għad-demokrazija.
Farrugia spjega wkoll li s-sedja, filwaqt li m’għandha l-ebda mansjoni li tinvestiga dak li ġie rrapportat, fehmet ir-rwol importanti tal-Parlament meta jiġi attakkat membru elett mill-poplu.
B’rabta ma’ dan, it-Tnejn, il-Prim Ministru Robert Abela mill-ġdid ikkundanna l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Chris Fearne.