L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ta ruling mingħajr preċedent kontra t-teħid ta’ ritratti u filmati fil-Kamra tad-Deputati.
Waqt li rrefera speċifikament għal inċident simili fis-seduta ta’ nhar it-Tlieta li għadda, 7 ta’ Novembru, nifhmu li l-kundanna tal-Ispeaker kienet indirizzata partikolarment għad-Deputat tal-establishment, Karol Aquilina, li dakinhar ħa ritratt tal-Prim Ministru Robert Abela u użah fuq il-midja soċjali, flimkien ma’ kumment dispreġjattiv, biex iżebilħu.
Dr Farrugia semma kif l-uniku permess li jingħata biex jittieħdu ritratti u filmati fil-plenarja jew fil-kumitati Parlamentari jkun dak lill-membri tal-midja.
F’ruling dettaljat, l-Ispeaker ikkwota partikolarment mir-regoli tal-Parlament Ingliż, l-Erskine May, li fuqhom jimxi l-Parlament Malti, dwar kif ritratti jew filmati bil-mowbajl jew apparat ieħor mhumiex permessibbli.