L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti kkundanna l-aġir minn attivisti ta’ Graffitti fil-Parlament fejn interrompew is-seduta tal-Baġit it-Tnejn b’għajjat, waqt li dendlu banner mill-gallarija tal-viżitaturi, maskri li jgħattu l-uċuh u reżistenza kontra uffiċjali tal-Kamra.
Kawża ta’ dan l-inċident, uffiċjali tal-Parlament saħansitra weġġgħu b’mod ħafif meta pprovaw iwaqqfuhom fis-Strangers’ Gallery.
F’ruling li ta llum, l-Ispeaker qal li l-attivisti gidbu lill-uffiċjali tal-Parlament mar-reġistrazzjoni tagħhom u kisru l-ordnijiet tal-Kamra tar-Rappreżentati.
Wara dan l-inċident, l-Ispeaker qal li se jiġu riveduti r-regoli dwar il-viżitaturi, inkluż li mhux se jibqa’ jiġi permess jiddaħħlu iżjed mobiles u basktijiet, waqt li m’eskludiex li s-Strangers’ Gallerry tingħalaq jekk ikun meħtieġ.
Hu temm jgħid li l-inċident għandu jiġi ttrattat mill-Kumitat tal-Privileġġi.