Waqt li kien qed jagħti ruling fis-seduta Parlamentari tat-Tlieta, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia kkundanna bil-qawwa l-aġir tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-Parlament it-Tnejn filgħaxija.
Wara li, għal darb’oħra, reġgħet m’għaddietx tagħhom, id-deputati tal-Partit Nazzjonalista, immexxija mill-Kap Bernard Grech, reġgħu għażlu li joħolqu l-kaos fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Dan għamluh anke ftit qabel ma ħarġu barra l-Parlament biex, bl-iskuża tal-Inkjesta Vitals, jinstigaw l-inkwiet u l-mibegħda fi sfond ta’ kampanja elettorali.
L-Ispeaker iddeskriva dan l-aġir bħala kundannabli u deplorabbli.
“Fis-seduta tal-bieraħ wara li s-Sedja tat id-deċiżjoni tagħha għat-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni għall-aġġornament tal-Kamra taħt l-Ordni Permanenti 13 imressqa kmieni fis-seduta, inqalgħet diżordni fil-Kamra, inkluż tfigħ ta’ karti stampati mill-membri tan-naħa tal-Oppożizzjoni lejn nofs il-Kamra, ovvjament din l-imġieba hi deplorabbli u kundanabbli fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.”
Fl-istess ruling l-Ispeaker kien ċar ukoll meta appella biex “l-imġieba tagħhom f’din il-Kamra ma tkunx iggwidata biss mir-regoli li jista’ jkunu fis-seħħ, iżda tkun iggwidata wkoll mill-valur tar-rispett lejn il-kollegi u lejn il-Kamra u li tagħmel ġieħ lill-poplu li jkun eleġġihom.”
Mad-deċiżjoni tal-Ispeaker, li għat-tielet darba reġa’ ma laqax it-talba tal-Oppożizzjoni, fuq l-istess raġuni li diskussjoni Parlamentari tista’ tippreġudika l-każi u l-proċessi ġudizzjarji li hemm, dlonk il-partitarji Nazzjonalisti miġburin barra l-Parlament infexxew f’tgħajjir lejn l-istess Dr Anġlu Farrugia.