L-Ispeaker tal-Parlament, Anġlu Farrugia reġa’ kkonferma d-deċiżjoni li għandu jkun il-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi li jiddeċiedi min għandu jitressaq quddiemu biex jixhed dwar dak li jkun qed jiddiskuti l-istess Kumitat.
Din id-deċiżjoni ġiet wara t-tielet laqgħa ta’ dan il-Kumitat fl-14 ta’ Ġunju meta d-Deputat Nazzjonalista David Agius ried imur għal deċiżjoni tal-Ispeaker wara li ma kienx hemm qbil bejn id-deputati tal-Kumitat dwar jekk għandux jitressaq l-Kummissarju Angelo Gafà quddiemu.
Kien id-Deputat Nazzjonalista Graham Benicini li l-għada għamel it-talba f’isem Agius li dakinhar kien qed jokkupa wkoll il-kariga ta’ Speaker fl-assenza tal-Ispeaker Anġlu Farrugia.
B’hekk fid-deċiżjoni tal-lum, l-Ispeaker ikkonferma deċiżjonijiet preċedenti meħudha mill-Eks Speaker Michael Frendo u minnu stess rigward il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi; li għandu jkun il-Kumitat stess li jiddeċiedi min għandu jitressaq quddiemu.
L-Ispeaker innota wkoll li f’każ li ma jkunx hemm qbil bejn id-Deputati tal-Kumitat dwar min għandu jixhed quddiemnu għandu jittieħed vot maġġoratorju iżda m’għandux ikun l-Ispeaker li jiddetta min għandu jew m’għandux jixhed quddiem il-Kumitat.