L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia ċċara li d-deċiżjoni li tingħalaq l-Istrangers’ Gallery fil-Parlment waqt id-dibattitu dwar ir-rapport tal-inkjesta pubblika fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ittieħdet anke skont ftehim unanimu li sar mill-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra lura f’Ottubru.
Dan ikkonfermah f’kontro-protest li ppubblika l-Ispeaker iffirmat mill-Professur Ian Refalo wara protest ġudizzjarju mill-għaqda Repubblika ffirmat mill-eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Pawlu Borg Olivier u Andrew Borg Cardona.
F’Ottubru li għadda l-Kumitat kien iddeċieda b’mod unanimu li persuni oħra, għajr membri tal-midja, ma jitħallewx jidħlu fl-istrangers’ gallery waqt seduti parlamentari, u lanqas ikunu permess żjara mill-pubbliku jew studenti fost oħrajn.
Il-membri tal-Kumitat kienu qablu wkoll li jiġu aċċettati fil-binja biss persuni li jkunu ġew mistiedna jidhru quddiem xi kumitat.
Kien ikkonfermat ukoll li sat-30 ta’ Lulju li għadda, din id-deċiżjoni kienet għadha ma ġietx revokata.